Fond Konsolidat jirregistra zbilanc ta' Eur 90.2
- Richard Sammut
- Oct 28, 2023
- 2 min read
Sal-aħħar ta’ Awwissu li għadda, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistrat żbilanċ ta’ €90.2 miljun. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru wkoll li bejn Jannar u Awwissu li għadda, id-dħul tal-Gvern kien 533.7 miljun aktar minn dak li kien irrapportat sena qabel. Fl-ewwel tmien xhur tas-sena, id-dħul rikurrenti tal-gvern qabeż l-erbat elef, mija u sebgħa u ħamsin miljun ewro. Dan ifisser aktar minn €533 miljun ogħla minn dak irrapportat sena qabel. L-NSO qal li l-ikbar żidiet kienu rreġistrati fit-Taxxa tad-Dħul b’żieda ta’ €33.5 miljun, fl-għotjiet b’żieda ta’ €106 miljun u żieda ta’ kważi €69 miljun mill-bolla. Joħroġ ukoll li sal-aħħar ta’ Awwissu, in-nefqa totali tal-gvern qabżet l-€4,257 miljun, jiġfieri €229.5 miljun aktar fuq l-2022. In-nefqa rikorrenti kienet ta’ €3,688.8 miljun, żieda ta’ €170.7 miljun. L-NSO qal li tul dan il-perjodu saru nefqiet ogħla għall-benefiċċji soċjali b’aktar minn €78 miljun, għall-miżuri ta’ għajnuna għall-enerġija bi kważi €70 miljun u għall-mediċini u materjali kirurġiċi b’€31.5 miljun. Ħareġ ukoll li l-imgħaxijiet fuq id-dejn pubbliku laħqu b’kollox €133.2 miljun, żieda ta’ €208 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Dwar in-nefqa kapitali tal-gvern, l-NSO qal li din żdiedet bi €38 miljun għal kważi €426 miljun. Qal li din iż-żieda kienet ġejja l-aktar minn nefqa akbar fuq l-inizjattivi tal-programm RePowerEu ta’ €20 miljun. L-NSO qal li d-differenza bejn id-dħul u l-infiq wasslet għal defiċit ta’ €90.2 miljun fil-Fond Konsolidat tal-Gvern fi tmiem Awwissu 2023. Imqabbel mal-istess perjodu, kien hemm tnaqqis ta’ €304.2 miljun fid-defiċit. Qal li din id-differenza tirrifletti żieda fid-dħul ta’ €533.7 miljun. Fl-aħħar ta’ Awwissu, id-dejn tal-gvern ċentrali laħaq id-€9,203 miljun, żieda ta’ aktar minn €644 miljun fuq l-2022. Iż-żieda rreġistrata fl-istokks tal-Gvern ta’ aktar minn elf u sebgħa u erbgħin miljun, kienet il-kontribut ewlieni għaż-żieda fid-dejn

コメント